STRUTTURA

It-Taqsima hija strutturata madwar tliet funzjonijiet ewlenin:

It-Tim tal-Konformità jikkoordina l-operazzjonijiet kollha tad-WBRU relatati mal-infurzar sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.549.42), ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Fenek Selvaġġ (L.S.549.90), u leġiżlazzjoni sussidjarji oħra li t-Taqsima hija responsabbli għalihom. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, il-koordinazzjoni mal-Pulizija, id-Dwana, il-Forzi Armati u entitajiet oħra u NGOs; is-sorveljanza u r-rondi; l-ispezzjonijiet fil-punti tad-dħul u f’residenzi private; il-kontribut għall-proċessi ta’ prosekuzzjoni u investigazzjonijiet; il-provvista ta’ għarfien espert fir-rigward ta’ proċedimenti tal-Qorti, il-koordinazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ proċessi ta’ liċenzjar u konformità, is-sistema ta’ multi amministrattivi, il-kumpilazzjoni tal-istatistika u r-rapporti dwar l-infurzar, l-amministrazzjoni tas-sistema tar-reġistrazzjoni tal-għasafar ibbalzmati, il-kollegament ma’ entitajiet ta’ infurzar barranin (eż. l-Europol, l-IMPEL, il-Corpo Forestale Taljan, eċċ), l-amministrazzjoni tal-proċeduri tal-edukazzjoni u l-eżaminazzjoni tal-kaċċaturi, u dmirijiet oħra relatati.

Il-Fergħa tal-Inizjattivi Speċjali u l-Customer Care tittratta mal-klijenti prinċipali tat-Taqsima (madwar 13,000), tieħu ħsieb it-talbiet u l-ilmenti, taġixxi bħala front office għal funzjonijiet regolatorji ta’ one-stop-shop (kemm f’Malta kif ukoll permezz ta’ uffiċċju separat f’Għawdex), tipprovdi materjal edukattiv u informazzjoni regolatorja u inizjattivi oħra. Din il-Fergħa kisbet qabża kbira ta’ kwalità fl-għarfien regolatorju fost il-komunità tal-kaċċa u l-insib, li ssarrfet f’konformità aħjar mar-regolamenti.

Il-Fergħa tal-Politika hija responsabbli biex tipprovdi kontribut għall-formulazzjoni ta’ pjanijiet, politiki u regolamenti tal-gvern dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Il-Fergħa tamministra ukoll il-liċenzjar u l-proċessi regolatorji l-oħra (eż. il-liċenzji għall-kaċċa ġenerali u għall-insib, il-liċenzji speċjali għad-derogi, il-liċenzji tat-tassidermija, il-liċenzji għat-tqegħid ta’ ċrieket xjentifiċi fuq l-għasafar, il-liċenzji tal-falkunerija, il-liċenzji ta’ riċerka, eċċ.), l-amministrazzjoni ta’ database ta’ liċenzjar u s-sistema ta’ rappurtar tal-kaċċa permezz tal-mowbajl, il-kumpilazzjoni ta’ statistika u rapporti, il-kollegament ma’ korpi tal-UE u internazzjonali, il-parteċipazzjoni f’fora ta’ politika internazzjonali, it-trattament ta’ proċeduri ta’ ksur, il-koordinazzjoni ta’ finanzjament għal proġetti ta’ konservazzjoni, il-kummissjonar u l-implimentazzjoni ta’ studji xjentifiċi u attivitajiet relatati oħra. Din il-Fergħa implimentat riformi regolatorji kbar li ġabu magħhom protezzjoni ferm akbar għall-għasafar selvaġġi f’Malta.